Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna
Il-Ministru Silvio Schembri waqt il-Global Semiconductor Conference Malta 2025
STMicroelectronics bl-akbar investiment dirett barrani fl-istorja ta’ Malta
It-tieni edizzjoni tal-Global Semiconductor Conference Malta 2025 laqqgħet flimkien mexxejja tal-industrija, innovaturi, riċerkaturi u policy makers minn madwar id-dinja, biex jiddiskutu l-opportunitajiet u l-isfidi li qed jiffaċċja wieħed mis-setturi l-aktar kruċjali fl-ekonomija globali.
Il-konferenza serviet bħala pjattaforma ewlenija biex tenfasizza l-irwol dejjem jikber ta’ Malta fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u l-impenn tal-pajjiż biex ikun sieħeb ta’ fiduċja u b’viżjoni fit-tul fit-tmexxija tal-progress teknoloġiku madwar il-kontinent.
Matul is-snin, STMicroelectronics kellha sehem fundamentali fis-suċċess ta’ Malta f’dan il-qasam, b’kumpanija li kompliet tespandi l-operat tagħha fil-pajjiż u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fl-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi permezz tal-estensjoni tas-Smart Factory tagħha. Dan l-investiment — l-akbar fl-istorja ekonomika ta’ Malta — jirrappreżenta l-eċċellenza f’pajjiżna kif ukoll huwa l-pedament għal futur ta’ opportunità u tkabbir sostenibbli.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq dwar ir-rwol ċentrali tas-semikondutturi fil-ħajja ta’ kuljum, li jħaddmu kollox minn vetturi u tagħmir mediku sa sistemi ta’ komunikazzjoni u manifattura.
“Għal Malta, l-industrija tas-semikondutturi tirrifletti t-twemmin tagħna li l-innovazzjoni ma tafx fruntieri. Turi kif pajjiż żgħir jista’ jkollu impatt sinifikanti fit-trasformazzjoni teknoloġika tal-Ewropa,” sostna l-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory, enfasizza wkoll li “id-daqs tagħna jagħtina flessibbiltà u kapaċità ta’ adattament immedjat – karatteristiċi li jagħmlu lil Malta testbed ideali għal teknoloġiji ġodda tas-semikondutturi.”
Matul l-avveniment, Fabio Gualandris, President ta’ Quality, Manufacturing and Technology fi STMicroelectronics, nieda l-ewwel robot umanoid tal-kumpanija għall-manifattura fil-faċilità tal-packaging u test f’Malta – pass importanti li jsaħħaħ l-effiċjenza u l-innovazzjoni fil-manifattura tas-semikondutturi.
Ritratt (MEEP)
PR251993
By commenting you are accepting our Comment Policy.